“Vuċi soda u effettiva fil-Parlament għall-ġid veru tal-pajjiż”
3 ta' Diċembru 2017
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia assenja rwoli ġodda lill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista bħala kelliema tal-Oppożizzjoni f’diversi oqsma.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wara li beda proċess ta’ ħidma intensiva biex issaħaħ l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista issa qed iniedi reshuffle li tirrifleti l-mod ġdid ta’ kif se jaħdem fil-parlament. Dan se jkun qed jirrifletti l-politikaċara tiegħu ta’ partit pożittiv u oppożizzjoni b’saħħita. Huwa qal “Nafu fejn irridu mmoru u nafu kif irridu naslu. Se nsaħħu l-ġlieda kontra l-korruzjoni imma se nidddedikaw l-istess enerġija biex nindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-familji tagħnu tal-persuni vulnerabbli”
Adrian Delia qal li din ir-reshuffle għandha bħala l-bażi tagħha numru ta’ principji: Din hija Oppożizzjoni u Partit li tħares bis-serjeta il-ġid Komuni u l-wirt ta’ tal-ġenerazzjonijiet Futuri bi protezzjoni ċara tal-ħajja umana u inizjattivi ambjentali; tqiegħed lill-persuna umana fiċ-ċentru tal-politika tagħha b’opportunitajiet għall-kulhadd u wens lill-vulnerabbli; għandha viżjoni ċara ta’ ppjanar serju għall-futur ekonomiku, socjali u infrastrutturali
innovazzjoni b’ policy areas ġodda li huma kompletament injorati mill-Gvern bħal glieda kontra is-solitudni, saħħa mentali, green initiatives u governanza tajba.
Din hi l-lista sħiħa tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni:
Delia, Adrian – Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem tal-Ġustiizja
Agius, David – Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem ta’ l-Oppozizzjoni dwar l-Energija u Immanigjar tal-Ilma
Arrigo, Robert – Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem ta’ l-Oppozizzjoni dwar it-Turiżmu
Puli, Clyde – Segretarju Ġenerali u Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, Żvilupp Uman u Ħiliet għas-Seklu 21
Cutajar, Robert – Whip u Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, Komunitajiet u Fondi Ewropej
Azzopardi, Frederick – Deputy Whip u Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni u Affarijiet Soċjali f’Għawdex
Bartolo, Ivan – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali
Bezzina, Toni – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Trasport u Infrastruttura
De Marco, Mario – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi
Debono, Kristy – Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni
Deguara, Maria – Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, Persuni b’Diżabilita u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji
Galea, Mario – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, d-dementia, kura fil-komunitá, d-diabete, u d-Drittijiet tal-Annimali
Mifsud Bonnici, Carmelo – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ
Schiavone, Hermann -Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Djalogu Soċjali, Volontarjat u s-Soċjeta Ċivili u l-kuntatt man-nies
Spiteri, Stephen – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa
Stellini, David – Kelliem ta’ l-Oppożzzjoni dwar Affarijiet Ewropej u Brexit
Vassallo, Edwin – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, Negozji Żgħar, Ko-operattivi, Biedja u Sajd
Said, Chris – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-riforma Kostituzzjonali
Portelli, Marthese – Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni dwar Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-suq tal-propjetà.
Azzopardi, Jason – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, Affarijiet Marittimi u Green Initiatives
Callus, Ryan – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-iSport u l-ġlieda kontra l-Obeżita
Busuttil, Simon – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Good Governance
Buttigieg, Claudette – Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni dwar Drittijiet Indaqs, Libertajiet Ċivili u Drittijiet taċ-Ċittadin u Deputat Speaker
Comodini Cachia, Therese – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar il-Media u l-Kultura u l-Identita Nazzjonali
Gouder, Karl – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali
Grech, Claudio – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet u Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf
Fenech Adami, Beppe – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-ġlieda kontra l-Kriminalità
Aquilina, Karol – Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi
Simon Vella Gregory
03.02.18
Net News
“Dak li wegħidt se nwettqu… se nagħmel ħilti kollha u se nuża l-esperjenza kollha li ksibt fil-Parlament tul il-15-il sena fil-Parlament – għaxar snin minnhom bħala l-Whip tal-Grupp Parlamentari – biex il-ħidma parlamentari tal-PN tkun soda u effettiva. B’hekk il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jkun il-vuċi tal-poplu fil-Parlament li hu wieħed mill-pilastri f’pajjiż demokratiku.”
Dan qalu David Agius, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista ma’ il-mument.
Hu beda biex irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fil-votazzjoni u qal li issa li l-Kunsillieri u t-Tesserati għażluh għal din il-kariga tant importanti, kif wiegħed, hu se jagħmel ħiltu kollha biex iservi bl-aħjar mod possibbli biex ix-xogħol li jsir mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jkun qawwi u għall-aqwa ġid u interess ta’ pajjiżna.
Ħidma biex il-Grupp Parlamentari jagħti mija fil-mija
Mistoqsi dwar il-fatt li hu jgawdi l-esperjenza vasta ta’ Membru fil-Gvern kif ukoll ta’ Membru fl-Oppożizzjoni, David Agius qal li issa ilu jservi fil-Parlament għal dawn l-aħħar 15-il sena, u għal għaxar snin sħaħ kien ukoll Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN.
“Issa li ġejt elett f’dan ir-rwol importanti se nkompli naħdem qatigħ biex ikollna Grupp Parlamentari li jagħti l-mija fil-mija tiegħu u jkun imħejji għax-xogħol kollu meħtieġ fil-Parlament li kulma jmur qiegħed ikompli jiżdied.
“Nemmen li għandi x’noffri f’dan il-proċess fi ħdan il-PN. Ħassejt li għandi nkun ta’ servizz fir-rwol ta’ Viċi Kap tal-Partit għall-Affarijiet tal-Parlament fejn umilment nemmen li għandi ħafna x’nagħti minħabba l-esperjenza li akkumulajt matul is-snin li għaddew, b’mod partikulari l-esperjenza tiegħi bħala Whip, u Chairperson ta’ Kumitati Parlamentari kemm lokali u internazzjonali bħall-Commonwealth Parliamentary Association.
David Agius fisser li matul din il-leġiżlatura hu żamm il-kariga ta’ Whip u għaldaqstant kien membru wkoll fil-Kumitat għax-Xogħol u tal-Kamra fejn kien jiġi diskuss u mfassal ix-xogħol parlamentari għal matul il-leġiżlatura, u membru wkoll fil-Kumitat tal-Privileġġi.
Hu fisser li l-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament ma hix xi kariga kwalunkwe u titlob li l-persuna f’din il-kariga jkollha għarfien sħiħ ta’ kif jaħdem il-Parlament u tal-ħidma parlamentari.
“Umilment inħoss li minħabba l-esperjenza parlamentari tiegħi kemm bħala Whip – li minnha nnifisha titlob preżenza kontinwa fil-Parlament u għarfien sħiħ tal-ħidma parlamentari – kif ukoll f’ħidma varja fil-Parlament u fi ħdan il-Grupp Parlamentari, jien se nkun qed naħdem ħafna biex naqdi b’suċċess ir-rwol tiegħi bħala Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament.
Ix-xogħol parlamentari fl-immedjat
David Agius fisser li hemm ħafna xogħol li jrid jitkompla, fosthom il-ħidma li trid issir flimkien bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatriet ta’ ambaxxaturi u chairpersons ta’ awtoritajiet.
Ħidma oħra importanti hi dik li trid tiffoka biex ikun hemm ħin speċifiku għall-Prime Minister Question Time. “Jekk aħna verament irridu nagħmlu qabża ’l quddiem, hemm bżonn li fil-Parlament il-Prim Ministru jkollu l-ħin iddedikat għalih – miftiehem bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra – biex iwieġeb domandi diretti tal-Oppożizzjoni. Dan kemm min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni, min-naħa tal-backbenchers tal-Gvern u jwieġeb ukoll għad-domandi li l-poplu Malti jkun irid jistaqsi.
Hu qal li ħidma oħra li trid issir hi biex il-Parlament jiltaqa’ f’ħinijiet aktar family friendly u li jkollu faċilitajiet u kundizzjonijiet aħjar għad-Deputati kollha.
Impenn ieħor hu biex il-Parlament ikun jista’ jimpjega aktar ħaddiema li jkunu ta’ appoġġ u li jibda jkun allokat ukoll fond għad-Deputati Maltin biex ikunu jistgħu jagħmlu r-riċerka.
Ħaġa oħra li jixtieq li tidħol fis-seħħ hi li l-Mozzjonijiet Privati tal-Oppożizzjoni jsiru aktar frekwenti minn dak li hemm previst sa issa, jiġifieri darba kull tliet xhur.
David Agius kompla li hu jixtieq jara li jibdew id-diskussjonijiet għar-Riforma Kostituzzjonali li tkun tinkludi wkoll il-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena biex hekk dawn ikunu jistgħu jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali. “Nixtieq li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-Gvern jibdew tassew id-diskorsi bis-serjetà dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Hemm bżonn li din id-diskussjoni tibda u tkun serja li tirrispetta l-intelliġenza tan-nies. Nispera li verament naslu biex naġġornaw il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna iżda biex dan isir tassew jeħtieġ li verament inkunu nirrispettaw lil xulxin.”
“Tajjeb li npoġġu madwar mejda waħda u naslu għall-konklużjonijiet li jkunu jagħmlu unur lill-Membri Parlamentari Maltin. Din hi ħidma li tajjeb li l-partijiet konċernati jimbarkaw fuqha biex hekk il-pajjiż ikollu tassew Kostituzzjoni li tkun tirrifletti ż-żminijiet tal-lum,” temm David Agius.
Joe Mikallef
03.12.17
Net News