
Dejjem Magħkom
Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament
Kelliem għall-Inkluzzjoni u Kwalità tal-Hajja.
Deputat fuq it- 8 distrett (Birkirkara, Fleur De Lys, Swatar, Iklin, Lija u Balzan)
u fuq il-11 il-distrett (Attard, Mosta , Mdina u Burmarrad).
Pajjiżna jeħtieġ tmexxija mħejjija bl-ideat, bil-ħeġġa li tagħmel il-ġid u d-differenza fil-ħajja tan-nies, u bid-determinazzjoni li twettaq il-viżjoni li fasslet għal Malta b’tant ħidma u diskussjonijiet.
Pajjiżna jeħtieġ mexxejja ppreparati biex ixammru l-kmiem u jistinkaw biex joħolqu l-impjiegi, ix-xogħol ta’ kwalità, iġibu l-investiment barrani li jipprovdi l-aqwa karrieri liż-żgħażagħ tagħna u jnaddfu isem pajjiżna. Mexxejja li batew biex waslu fejn waslu, u ma jitkissrux mal-iċken mewġa. Mexxejja li għandhom il-ħila u l-kapaċità jindirizzaw id-diffikultajiet attwali bħall-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ investiment, it-tnawwir fl-istituzzjonijiet, it-tkissir fl-edukazzjoni u l-isfreġji ambjentali.
Minflok il-Labour qed jipprovdi biss inċertezza. Inċertezza minħabba t-tgerfix u t-taqlib fit-tmexxija, minħabba l-politika mil-lum għal-lum mingħajr xi tip ta’ viżjoni fit-tul, inċertezza minħabba l-għarukaża ta’ greylisting li daħħluna fih għad-detriment tan-negozji u l-professjonisti Maltin u Għawdxin, inċertezza minħabba skandlu kuljum wieħed agħar mill-ieħor li xebbgħu lil kulħadd.
Minflok il-Labour, b’diversi swaba’ fix-xbieki tal-kriminalità f’Malta u barra, qed jagħtina mexxejja maqbudin fil-kunflitti u l-ġlidiet bejniethom, bħal vapur b’żewġ kaptani li spiċċaw jimpikaw ma’ xulxin u jikxfu lil xulxin: min jiġbed naħa u min jiġbed naħ’oħra.
Il-Labour tana Prim Ministru li nqabad idaħħal l-eluf kbar ta’ ewro fix-xahar u mbagħad jagħti lill-poplu €1.75. Tana Prim Ministru li nqabad li għamel negozju dubjuż ma’ allegati kriminali akkużati fil-qorti... Prim Ministru li qed jibqa’ jipposponi d-data tal-elezzjoni, bit-tama li l-poplu jinsa u jerġa’ jafdah.
Għax Robert Abela jaħseb li l-poplu mhux se jistaqsi, jew li kulħadd se jkun sodisfatt b’nofs tweġiba u ma jkomplix jistaqsi. Jittama li bit-tqassim taċ-ċekkijiet, bil-ħtif tax-xandir nazzjonali u bix-xita ta’ propaganda fuq il-midja soċjali u kullimkien se jnessi l-kuntratti li impalawlu €17,000 fix-xahar.
Pajjiżna ma jixraqlux dan. Malta jixirqilha ferm aħjar. Jistħoqqilha viżjoni li tibni fuq it-tajjeb li qed isir u tnaddaf il-ħafna ħażin li qed jherri kollox. Viżjoni li tibża’ għall-flus tan-nies u tinvestihom bil-għaqal għall-ġid tan-nies... mhux għal tal-qalba.
U dan jista’ jinkiseb biss mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
Il-Partit Nazzjonalista biss jista’ jagħti nifs ġdid lill-familji Maltin u Għawdxin biex jgħixu ħajja normali mingħajr xi skandlu kuljum, mingħajr propaganda kontinwa kullimkien imħallsa minn buthom, mingħajr intriċċi u komplotti mal-kriminali, u bis-serħan il-moħħ li għandhom Prim Ministru li għandu lill-pajjiż f’qalbu u li jista’ jiddeċiedi bis-serenità għall-ġid ta’ wliedna.
Malta qed tokrob għal Prim Ministru matur u serju li jżomm kelmtu, u li bħall-President Roberta Metsola jgħolli isem Malta mad-dinja... u għalhekk aħna tal-Partit Nazzjonalista se nibqgħu nisħqu li għandu jieqaf jaħrab u jistaħba bil-logħob tan-nuna. Se nsusu warajh biex jibda jwieġeb il-mistoqsijiet li qed jagħmel il-poplu għax irridu nkunu nafu l-verità, u l-verità kollha.
U fil-frattemp se nibqgħu noħorġu b’iżjed proposti li juru Partit Nazzjonalista ppreparat biex imexxi l-pajjiż, bħaż-żewġ wegħdiet li ħabbar Bernard Grech f’Tas-Sliema:
- Naraw li l-arretrati kollha tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li akkumulaw tul il-pandemija tal-COVID19 jitħallsu lura fuq medda ta’ 8 snin biex inwieżnu lin-negozji bi sfidi ta’ cash flow.
- Niżguraw li l-membri tal-forzi dixxiplinati jkunu jistgħu jagħżlu li jieħdu l-pensjoni wara 25 sena servizz u xorta jibqgħu jservu fil-forzi dixxiplinati.
Dan hu l-impenn tagħna għal Malta li jixirqilna, u beħsiebna nżommu kelmitna mal-poplu. Beħsiebna nippreżentaw programm elettorali li juri l-frott kollu tal-clusters u l-viżjoni li għandna għal Malta tal-2030... imbagħad se nuru wkoll li l-kliem politiku nistgħu nsarrfuh fil-prattika biex noħolqu l-bidla li qed inwiegħdu.
Dan hu dak li jixirqilna, u m’aħniex lesti nikkuntentaw b’inqas.
DAVID AGIUS
Frar 2022
#dejjemmagħkom #partitnazzjonalista #malta